Proċedura biex twassal ilment
Bħala klijent inti għandek id-dritt li tirċievi livell bażiku għal servizz ta' kwalita minn min qed jagħtik is-servizz ta' komunikazzjoni. Jekk inti mintix sodisfatt għal kollox bis-servizz li qed tingħata, l-ewwel ħaġa li inti trid tagħmel hu li tinforma lil min tak is-servizz dwar il-problema tiegħek. Ħafna drabi dan ikun jista' jirranġa s-sitwazzjoni mingħajr ma inti jkollok għalfejn tressaq il-każ tiegħek aktar ‘il quddiem.
X'għandek tagħmel meta tressaq l-ilment tiegħek quddiem min tak is-servizz:
- Fejn hu possibli, għamel l-ilment tiegħek bil-miktub, jew permezz ta' email, u spjega x'inhi l-problema eżatt u għid x'rimedju tixtieq.
- Niżżel ismek, l-indirizz postali u l-indirizz tal-e-mail, kif ukoll in-numri tat-telefon fejn tkun tista' tiġi milħuq matul il-ġurnata.
- Dejjem għandek tidentifika l-isem tar-rappreżentant ta' min qed jagħtik is-servizz, kif ukoll il-ħin u d-dati tal-komunikazzjonijiet kollha li kellek.
- Dejjem żomm kopja ta' kull komunikazzjoni li tkun saret bil-miktub ma' min tak is-servizz.
- Staqsi li tittieħed azzjoni fi żmien speċifiku
Jekk il-każ jibqa’ ma ġiex solvut:
Jekk ma tkunx sodisfatt bir-risposta u/jew rimedju li ġie offrut lilek minn min ikun tak is-servizz wara li tkun ressaqt l-ilment tiegħek, l-Awtorità tista' tkun ta' għajnuna. Imla l-formola ta' ilment u ibgħata permezz ta' email lil customercare.mca@mca.org.mt jew bil-posta fl-indirizz indikat hawn taht:
L-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni
Valletta Waterfront
Ix-Xatt ta' Pinto
Floriana FRN1913
Jekk għandek bżonn aktar tagħrif, inti mitlub tikkuntattjana fuq in-numru tat-telefon 2133 6840.
Kif l-MCA tieħu ħsieb l-ilment tiegħek:
- Nibgħatulek irċevuta tal-ilment tiegħek fi żmien jumejn ta' xogħol.
- Sa fejn nistgħu nippruvaw nagħtuk risposta fi żmien 20 ġurnata ta' xogħol.
- Naraw li tajtna t-tagħrif kollu meħtieġ. Nistaqsuk biex tikkonferma li diġà tkun ressaqt l-ilment ma' min ipprovdilek is-servizz.
- Ninvestigaw il-każ. Dan jista' jirrikjedi li nerġħu nikkomunikaw miegħek u nikkomunikaw ma' min tak is-servizz.
- Sakemm ma jkunx hemm talba speċifika bil-miktub minnek jew minn min tak is-servizz, kull informazzjoni marbuta mal-każ tiegħek tkun aċċessibli għall-partijiet kollha li jkunu involuti.
X'tista' tagħmel l-MCA?
Il-mod ta' kif tista' tgħinek l-MCA dwar l-ilment tiegħek, jiddependi min-natura tal-każ tiegħek kif ukoll mill-poteri li l-MCA għandha skont il-liġi. Għalhekk, jekk l-ilment hu dwar kwistjonijiet direttament marbuta mal-qafas regolatorju, bħal xi ksur ta' obbligu taħt liġi li l-MCA għandha s-setgħa li tħares, hawnhekk l-MCA tkun tista' tintervjeni.
F'każ fejn l-MCA ma tkunx tista' tintervjeni b'mod effettiv, tista' tipprova tressaq lilek u lil min tak is-servizz għal ftehim. Jekk dan ma jirnexxiex, l-MCA tissuġġerixxi mod ieħor ta ' kif inti tista' tmexxi l-ilment tiegħek billi tgħidlek fejn tista' tmur għal għajnuna.
Kumpens
L-MCA m'għandiex il-poter li tordna lil min qed jipprovdi s-servizz biex dan jagħti kumpens lill-klijent bħala rimedju fir-rigward ta' servizz li hu ma kienx sodisfatt bih. Min qed jipprovdi s-servizz jista' jiddeċiedi li joffri kumpens b'mod volontarju, iżda dan jista' jaghmlu jekk jidhirlu li hu xieraq.
Dan ma jfissirx li inti ma tistax tieħu kumpens mingħand entitajiet oħrajn. F'ħafna mill-każijiet, jekk inti tkun taf li ġejt mogħti servizz li ma kienx sodisfaċenti u inti intitolat għall-kumpens, bħala konsumatur tista' tressaq it-talba tieghek quddiem it-Tribunal għal talbiet tal-Konsumatur. Dan it-tribunal għandu l-poter li jiddetermina kwistjonijiet bejn il-konsumatur u n-neguzjant u jista' jagħti deċiżjonijiet fejn il-kumpens ma jkunx aktar minn € 10,000. Dan apparti li jista' jingħata kumpens sa € 500 minħabba inkonvenjenza u inkwiet li stajt tkun ġarrabt.
Għal aktar informazzjoni tista' tikkuntatja lis-segretarjat tat-Tribunal għal talbiet tal-Konsumatur, Nr 4, Triq iz-Zekka (Old Mint street), il-Belt Valletta CMR 02. Tista' wkoll iċċempel fuq 2122 7070.
Jekk inti neguzjant, inti għandek id-dritt li tmur għall-ghajnuna quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żgħar, liema tribunal jista' jiddeċiedi talbiet fejn il-valur mhuwiex aktar minn € 5,000. Dan it-Tribunal jinsab fil-Qrati tal-Ġustizzja, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. In-numri tat-telefon huma 2590 2601 jew 2590 2242 u l-ħinijiet tal-uffiċju huma bejn id-09:00 u t-15:00.