Tħallix lil min iqarraq bik!
Iktar ma jgħaddi żmien, iktar qed insiru dipendenti fuq it-teknoloġija u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika – fosthom it-telefonija u l-messaġġi, l-emails, u s-servizzi tal-midja soċjali. L-effiċċjenza u l-konvenjenza ta’ dawn it-tip ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni m’għandniex għalfejn nitkellmu fit-tul fuqhom – l-istatistika titkellem waħedha! Dat-tip ta’ servizzi jevolvu kontinwament, imma tista’ tgħid li b’mod kostanti dejjem qed jiżdied l-użu nnifsu. Madankollu, wieħed ukoll irid jinnota li pari passu ma’ din iż-żieda fl-użu, sfortunatament, qed naraw ukoll żieda fil-komunikazzjonijiet qarrieqa – hekk imsejħa “scams”.
L-iscams jistgħu jieħdu forom differenti u jużaw diversi mezzi ta’ komunikazzjoni, fosthom telefonati, SMS, emails kif ukoll messaġġi online permezz ta’ apps bħal WhatsApp jew Facebook Messenger. Barra minn hekk, l-iscammers illum il-ġurnata qed jagħmlu użu ta’ għodod avvanzati, bħall-intelligenza artifiċjali (AI) u ‘spoofing’ sabiex il-komunikazzjoni, li tkun qarrieqa, jagħmluha tidher inqas suspettuża għal dawk li jirċevuha. Per eżempju, permezz tal-AI, l-iscammers jaf anke jkellmuk b’Malti tajjeb waqt telefonata qarrieqa.
Tajjeb infakkru li, fir-rigward ta’ telefonati minn numri Maltin li jkunu ġew ‘spoofed’ (iffalsifikati), bejn Novembru 2024 u Ottubru 2025, ġew blukkati aktar minn 700,000 telefonata li potenzjalment kienu qarrieqa. Dawn il-filtri ta’ mblukkar jipproteġu lill-abbonati tat-telefonija f’Malta billi jnaqqsu r-riskju li wieħed jiġi espost għall-iscams. Madankollu, minħabba limitazzjonijiet tekniċi, dawn il-filtri ma jistgħux iwaqqfu kull forma ta’ komunikazzjoni qarrieqa, u għalhekk il-viġilanza tibqa’ dejjem kruċjali.
Fl-isfond ta’ dan kollu, l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) tittama li dan l-artiklu jgħin lill-qarrejja jipproteġu lilhom infushom u ma jispiċċawx vittma ta’ dawn l-iscams.
Kif nista’ nipproteġi lili nnifsi mill-iscams?
Fil-passat, ġew ippubblikati xi artikli b’xi pariri siewja fuq dan is-suġġett, li għadek tista’ ssibhom fuq is-sit tal-MCA, billi tagħfas fuq dawn il-links (Artiklu 1, Artiklu 2 - disponibbli bl-Ingliż biss). L-MCA tieħu l-opportunità biex tfakkar il-punti prinċipali li wieħed għandu jsegwi biex jipproteġi lilu nnifsu mill-iscams:
- Informa ruħek dwar l-iscams u segwi d-diversi kampanji t’għarfien li jsiru kemm min-naħa tal-MCA, kif ukoll mill-pulizija, banek, u entitatjiet oħra. L-iscammers qegħdin kontinwament jaddattaw it-tekniki tagħhom u ta’ spiss joħorġu b’forom ġodda ta’ scams. Li tkun taf b’dawn it-tekniki u kapaċi tagħraf sinjali suspettużi huwa kruċjali, għaliex dan jippermettilek li twaqqaf il-komunikazzjoni minn kmieni u tinjora dawn l-iscams. B’hekk, tnaqqas sew ir-riskju li ssir vittma.
- Kun viġilanti! Jekk xi ħaġa tidher suspettuża, wisq sabiħa biex tkun vera, jew hemm sens ta’ urġenza żejda bħal, per eżempju, xi ħadd qed jitolbok biex tgħaddi pagament b’mod immedjat, probabbilment din il-komunikazzjoni hija scam, uhuwa aħjar li tivverifika qabel ma taġixxi. Jekk ikollok dubju jekk telefonata jew messaġġ huwiex scam jew komunikazzjoni leġittima minn entità fdata, waqqaf kwalunkwe komunikazzjoni li tkun għaddejja u kkuntattja lill-entità billi tuża id-dettalji ta’ kuntatt tagħha li jkunu reklamati pubblikament biss. Ftakar ukoll li numri jew Sender IDs (fl-SMS) li jidhru familjari mhumiex garanzija li s-sors huwa leġittimu, għax dawn jistgħu jiġu ‘spoofed’ (iffalsifikati). Għal aktar tagħrif dwar ‘spoofing’, żur il-paġna tal-Mistoqsijiet li Jsiru ta’ Spiss fuq is-sit tal-MCA.
- Qatt m’għandek taqsam informazzjoni sensittiva. Banek u entitajiet serji qatt ma jitolbuk tagħti PINs, passwords jew dettalji bankarji permezz ta’ telefonata, SMS jew email.
- Iċċekkja u vverifika l-indirizzi tal-email u l-links. Scammers spiss jużaw indirizzi tal-email simili ħafna għal dawk uffiċjali, biex taparsi l-email tkun ġejja mingħand entità fdata. Iċċekkja jekk tilmaħx żbalji fl-ortografija (spelling) jew ‘domains’ mhux tas-soltu. Għall-argument, l-aħħar parti tal-indirizz minn fejn ġejja l-email jidher identiku bħall-indirizz tas-sit uffiċjali tal-entità kkonċernata? Jekk le, dan jaf sinjal li s-sors mhux leġittimu.
- Tikklikkjax fuq links f’SMSs jew emails mingħajr ħsieb, speċjalment jekk ma kontx qed tistenna din il-komunikazzjoni! Din tapplika speċjalment għal links li jkunu jidhru b’indirizz differenti mis-sit uffiċjali tal-entita’ li, suppost, tkun irċivejt din il-komunikazzjoni mingħandha. Speċjalment f’każijiet fejn l-indirizz ikun ġie ‘mqassar’, permezz ta’ servizz ta’ “URL shortening”, żomm f’moħħok li dawn is-servizzi jaħbu d-destinazzjoni l-proprja tal-link b’indirizz ieħor qasir, u għaldaqstant int ma tkunx taf fejn ser tispiċċa jekk tikklikkja fuq il-link!
- Xi apparat, bħal smartphones, jistgħu joffru ċertu funzjonalità sabiex jipproteġuk minn scams u anke spam, (eż. filtri awtomatiċi tat-telefonati, filtri tal-ispam għall-SMS, eċċ.). L-użu responsabbli ta’ dawn il-funzjonalitajiet jista’ jipprovdi saff addizzjonali ta’ protezzjoni kontra l-iscams. Importanti tagħraf il-limitazzjonijiet ta’ dawn it-tip ta’ funzjonalitajiet, u qatt ma tassumi li dawn huma infallibli.
X’għandek tagħmel jekk tispiċċa vittma ta’ scam?
Kulħadd uman, u kulħadd jiżbalja. Jekk tisfa vittma ta’ xi scam, l-ewwel ma trid tagħmel hu li taċċetta mill-ewwel is-sitwazzjoni, u tibda tieħu l-passi li hemm bżonn biex twaqqaf, jew tnaqqas, il-ħsara. Il-passi li għandek tieħu huma dawn:
- Żomm kalm, u tħallix l-emozzjonijiet tiegħek jieħdu r-riedni. Il-paniku jista’ jġiegħlek tieħu deċiżjonijiet ħżiena, li mhux biss ma jgħinukx fis-sitwazzjoni, imma jistgħu wkoll iwasslu għal aktar ħsara.
- Waqqaf immedjatament kwalunkwe kuntatt mal-iscammer. Jekk indunajt f’nofs telefonata li tajt informazzjoni sensittiva jew personali, tipprovax tkompli tiddiskuti jew tirraġuna mal-persuna l-oħra. Mal-inqas dubju – aqta’ t-telefonata, u b’hekk tevita r-riskju li tingidem b’mod ikbar. Dan japplika wkoll f’komunikazzjonijiet b’mezzi oħra, bħal SMSs, messaġġi online jew email.
- Ikkuntattja l-bank tiegħek mill-iktar fis u ċċekkja l-kontijiet finanzjarji tiegħek. Dan japplika speċjalment f’każijiet fejn taf li tajt informazzjoni finanzjarja, jew informazzjoni relatata mal-aċċess għal kontijiet finanzjarji, bħal PINs u passwords. Informa lill-bank tiegħek mill-ewwel biex jieħu l-passi meħtieġa bħall-iffriżar tal-kont jew is-sospensjoni ta’ ċertu transazzjonijiet.
- Ibdel il-passwords tiegħek. Iffoka primarjament fuq dawk il-kontijiet li setgħu ġew kompromessi (bħal tas-servizz tal-email tiegħek, kontijiet online tal-bank, kontijiet oħra online ta’ pjattarformi tal-midja soċjali jew servizz diġitali oħra, eċċ.). Idealment, tużax l-istess apparat li użajt meta kont qiegħed/qiegħda tikkomunika mal-iscammer – speċjalment jekk għandek suspett li niżżilt programmi (software/apps) fuq dan l-apparat waqt li kont qed tikkomunika mal-iscammer. Dan għaliex jeżistu għodod illum li jaħdmu qishom ‘spjun’ fuq l-apparat tiegħek u jieħdu nota tal-buttuni kollha li tkun qed tagħfas inti u tittajpja (hekk imsejħa “keyloggers”). Għaldaqstant, ikun faċli għall-iscammer, permezz ta’ dat-tip ta’ keyloggers, li jiskopri l-passwords int u tittajpjahom, kemm dawk l-antiki, kif ukoll passwords ġodda li tkun għadek kif bdilt.
- Irrapporta l-inċident. Għarraf lill-awtoritajiet, bħall-pulizija, sabiex ikun hemm rapport fuq dak li jkun ġara, u tittieħed l-azzjoni neċessarja mil-lenti tal-infurzar tal-liġi. Żomm f’moħħok li fl-isfond ta’ dawn l-iscams, hemm reat kriminali, u għaldaqstant, tajjeb li jiġi rrappurtat. Is-Cyber Crime Unit, fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, jista’ jiġi kkuntattjat permezz ta’ telefonata fuq (+356) 2294 2231 jew l-email fuq dan l-indirizz: computer.crime@gov.mt.
- Ikkontrolla l-apparat tiegħek – Jekk ikklikkjajt fuq links suspettużi jew installajt xi apps, agħmel scan għal malware jew ikkonsulta ma’ espert tekniku. Żomm f’moħħok ukoll li jekk ma tagħmilx hekk, jista’ jkun ma tindunax bi ħsara oħra li tkun qed issir lilek, u possibilment lil partijiet terzi, permezz ta’ dan il-malware (programmi malefiċi) fuq l-apparat tiegħek. Biex inġibu eżempju, ġieli kien hemm każi fejn intuża malware mill-iscammers li, bil-moħbi tal-vittma, jibda jinqeda bl-apparat tal-vittma biex jintbagħtu messaġġi qarrieqa lejn numri oħra, jew lejn numri ‘premium’ b’tariffi għolja.
- Tgħallem mill-esperjenza u għarraf lill-oħrajn. Billi taqsam l-esperjenza tiegħek ma’ ħaddieħor, tista’ tgħin sabiex tipprevjeni li nies oħra jispiċċaw isiru vittma huma wkoll. Barra minn hekk, li titkellem fuq l-esperjenza tiegħek tista’ tgħinek ukoll fuq livell emozzjonali.
- Jekk jibda jgħaddi ż-żmien u tibqa’ tħossok imbeżża’, irrabjat, imdejjaq, u/jew depress b’dak li ġara, tingħalaqx fik innifsek! Tiddejjaqx titlob għal aktar għajnuna mingħand entitatijiet iffukati fuq is-sapport tal-vittmi, bħall-Victim Support Agency (tista’ ċċempel b’xejn fuq ‘116 006’) jew Victim Support Malta jew anke mingħand entitajiet li jiffukaw fuq is-saħħa mentali.
Għal aktar pariri jew għajnuna dwar is-suġġett tal-komunikazzjonijiet qarrieqa, segwi l-paġna tal-MCA fuq Facebook, jew ikkuntattjana fuq customercare@mca.org.mt jew (+356) 2133 6840. Tista’ ssib ukoll iktar informazzjoni dettaljata dwar dan is-suġġett fil-paġna tal-Mistoqsijiet li Jsiru Ta’ Spiss.
Agħfas hawn biex taqra dan l-artiklu bl-Ingliż.