Abbonament għal servizz ta’ komunikazzjoni elettrontika - X’informazzjoni għandi infittex f’kuntratt?

Answer

Aċċerta ruħek li int infurmat/a sew dwar dawn li ġejjin:

L-ISPEJJEŻ KOLLHA TAS-SERVIZZ: Dan jista’ jinkludi l-kera, il-pagament ta’ kull xahar, spejjeż għal tiswijiet, tariffi, eċċ.; 

SPEJJEŻ RELATATI MAT-TAGĦMIR LI JIĠI INSTALLAT GĦAND IL-KLIJENT (CUSTOMER PREMISES EQUIPMENT - CPE): Dan jiġi pprovdut mill-operatur li qed joffri s-servizz. Huwa importanti ħafna li tivverifika jekk dan it-tagħmir (CPE) jingħatax b’kera, u jekk huwiex meħtieġ depożitu. F’każ li hemm bżonn li jsir depożitu, iċċekkja jekk id-depożitu jingħatalekx lura meta s-CPE jingħata lura lill-operatur wara li s-servizz tiegħek jiġi skonnettjat. Iċċekkja wkoll japplikawx xi spejjeż f'każ li jinstab li s-CPE jkollu xi ħsara wara li jiġi rritornat;

PROĊEDURA TA’ INSTALLAZZJONI: Din tista’ tinkludi ħlas għall-installazzjoni u perjodu massimu għall-installazzjoni. Sir af liema passi tista’ tieħu jekk l-operatur ma jsegwix il-proċess ta’ installazzjoni;

ŻMIEN MASSIMU GĦAT-TISWIJA F’KAŻ TA’ ĦSARAT: Iċċekkja ż-żmien massimu li fih għandhom isiru t-tiswijiet f’każ li s-servizzi jiżviluppaw xi ħsara;

TIPI TA’ SERVIZZI TA’ MANUTENZJONI: Iċċekkja liema servizzi ta’ manutenzjoni jipprovdi l-operatur. Tista’ wkoll tiċċekkja jekk dawn is-servizzi humiex offruti b’xejn jew bi ħlas;

LIMITAZZJONIJIET: Dawn jinkludu l-kopertura tas-servizz, kuntratti dwar ir-roaming jew kwalunkwe kundizzjonijiet oħra li jistgħu jaffettwaw il-kapaċità tiegħek li tuża s-servizz;

FAĊILITAJIET GĦALL-IKKONTROLLAR TAL-ISPEJJEŻ: Iċċekkja jekk l-operatur għandux xi faċilitajiet li jippermettulek li tkun taf kemm tonfoq fuq is-servizzi tat-telefonija. Sistemi bħal dawn jistgħu jiġu offruti permezz ta’ SMS u/jew onlajn;

TIP TA’ SERVIZZ: Għandek tkun taf jekk is-servizz huwiex qed jiġi offrut bħala servizz imħallas minn qabel (pre-paid) jew jekk huwiex servizz li tħallas għalih wara (post-paid);

AĊĊESS GĦALL-KONTIJIET: Iċċekkja jekk il-kont jasallekx bil-posta, jekk tistax tarah onlajn, jew it-tnejn; 

METODI TA’ ĦLAS: Jista’ jkun hemm aktar minn mod wieħed kif tħallas il-kontijiet tiegħek, pereżempju billi żżur ħanut tal-operatur, billi tħallas onlajn, permezz ta’ ħlas dirett mill-kont tiegħek, eċċ. Tista’ wkoll tiċċekkja jekk jingħatawx xi skonti jekk tagħżel metodu ta’ ħlas partikolari;

KUNDIZZJONIJIET TA' ĦLAS: Dawn jinkludu penali li jistgħu jiġu imposti jekk ma tħallasx il-kont tiegħek fil-ħin. Iċċekkja jekk l-operatur joffrix xi skonti jekk tħallas minn qabel;

IT-TUL MINIMU TAL-KUNTRATT: Hemm kuntratti li jinkludu perjodu ta’ servizz minimu, ta' pereżempju sentejn. Jista' jkun li jkollok tħallas penali f'każ li tagħżel li twaqqaf il-kuntratt qabel jgħaddi dan il-perjodu;

PENALI: Dawn jistgħu japplikaw f'każ li tagħżel li twaqqaf il-kuntratt qabel jgħaddi dan il-perjodu tal-kuntratt, kif indikat hawn fuq;

PROĊEDURA TA’ TERMINAZZJONI: Aċċerta ruħek li tkun taf dwar il-proċedura ta’ skonnessjoni meta twaqqaf is-servizz tiegħek. Agħti titwila lejn il-Mistoqsijiet fuq Terminazzjoni tas-Servizz li jinsabu f’din is-sezzjoni.

GĦOTI TA' KUMPENS JEW FOROM OĦRA TA’ RIMEDJU: Dawn japplikaw jekk l-operatur ma jipprovdix il-livelli ta’ kwalità tas-servizz stipulati fil-kuntratt; u

PROĊEDURA GĦALL-INDIRIZZAR TAL-ILMENTI U TAL-MISTOQSIJIET: Sir af x’għandek tagħmel f’każ li tkun trid tilmenta jew tistaqsi xi mistoqsijiet dwar is-servizz. Sir af ukoll kemm idum l-operatur biex iwieġeb għal mistoqsijiet u lmenti. 

Rate the Page

Was this page useful?