Internet

Internet fiss

Jekk beħsiebek tuża s-servizz tal-Internet f’post partikolari, bħal pereżempju d-dar, għandek bżonn tip ta' servizz tal-Internet fiss. Hemm żewġ tipi ta’ konnessjoni fissi tal-Internet: wired (permezz tal-konnessjoni tal-Ethernet cable) jew wireless (bla wajers magħruf bħala WiFi). Tipi differenti ta’ servizzi tal-Internet li tista’ tagħżel minnhom.



Wired

Konnessjoni bil-wajers hija servizz tal-Internet b’veloċità għolja li jiġi trażmess permezz ta’ konnessjoni hard-wired. Tista’ tiċċekkja l-veloċità tal-konnessjoni tiegħek billi tagħmel għadd ta’ testijiet tal-veloċità f’ħinijiet differenti tal-ġurnata.  Il-prestazzjoni tal-broadband tista’ tvarja minħabba diversi fatturi differenti, fosthom:

  • il-konnessjoni bejn il-modem tal-fornitur tas-servizz tal-Internet tiegħek u l-kompjuter li jkun qed jaċċessa l-Internet;
  • il-kapaċitajiet tal-kompjuter tiegħek u l-istat ta’ manutenzjoni tiegħu, pereżempju xi viruses li jista’ jkollu;
  • in-numru ta’ utenti li jkunu qed jużaw l-Internet fl-istess ħin;
  • il-kapaċitajiet tas-server li tkun qed taċċessa. Dan jinkludi t-tip ta’ konnessjoni li s-server juża biex jaqbad mal-Internet; u
  • il-mod li bih id-data mwassla permezz tal-Internet tkun teħtieġ kollaborazzjoni bejn għadd ta’ netwerks li jkunu proprjetà ta’ partijiet differenti. Il-veloċità li tista' tinkiseb tkun iżgħar aktar ma jkun hemm netwerks involuti fit-twassil tad-data.

Jeżistu għadd ta’ teknoloġiji li jipprovdu konnessjonijiet mal-Internet permezz ta’ wajers. Fosthom insibu:

  • DSL, li tfisser Digital Subscriber Line: DSL hija grupp ta’ teknoloġiji broadband b’veloċità għolja li jitwasslu permezz tal-linji tat-telefon installati fid-dar/uffiċini tiegħek. Is-servizzi DSL jippermettu li s-sinjali tal-vuċi u tad-data jużaw l-istess infrastruttura, u ġeneralment ikollok bżonn splitter fis-sit tal-installazzjoni sabiex it-traffiku tal-vuċi u tad-data jiġu separati minn ġol-linja. Sal-lum, il-veloċitajiet offruti fuq il-pjattaforma lokali jistgħu jilħqu 35Mbps.
  • CABLE BROADBAND: Dan huwa servizz tal-Internet b’veloċità għolja li jiġi pprovdut permezz tan-netwerk tal-kejbil, bl-użu tal-istess wajer (imsejjaħ coaxial cable) li jintuża għall-provvista tas-servizzi tat-televiżjoni. Dan is-servizz jeħtieġ li tqabbad kejbil modem mal-kompjuter tiegħek. Sal-lum, is-servizz offrut permezz ta’ din it-teknoloġija jilħaq veloċità ta’ 100Mbps.
  • FIBRE BROADBAND: Permezz ta’ din it-teknoloġija, l-Internet broadband jitwassal permezz ta’ wajers ta’ fibri ottiċi, li huma magħmulin minn ħjut irqaq ħafna tal-plastik jew tal-ħġieġ. It-teknoloġija tal-fibre broadband hija kapaċi toffri veloċitajiet tal-broadband li jistgħu jkunu saħansitra ogħla minn dawk tat-teknoloġiji DSL u kejbil. Din it-teknoloġija bdiet tiġi introdotta fis-suq lokali dan l-aħħar, u għalhekk, qabel tagħmel abbonament għal dan is-servizz ikkonferma li huwa disponibbli fiż-żona tiegħek.
Wireless nomadicity (WiFi)

Dan huwa servizz tal-Internet veloċità għolja li jiġi trażmess permezz ta' konnessjoni wireless. Dan it-tip ta; servizz broadband mhuwiex disponibbli minn punt fiss wieħed, iżda minn kwalunkwe post fi ħdan żona speċifika. It-tagħmir li jintuża biex wieħed jaqbad mal-konnessjoni wireless għandu jintuża fi ħdan żona partikolari. Il-WiFi huwa eżempju tajjeb ta' konnessjoni broadband bla wajers.

WiFi tfisser Wireless Fidelity: Il-WiFi jista’ jintuża flimkien ma’ kwalunkwe servizz broadband, inkluż: DSL u kejbil. B’dan it-tip ta’ konnessjoni tal-Internet m’għandekx bżonn tqabbad il-laptop tiegħek ma’ netwerk kejbil biex taċċessa l-Internet minn postijiet differenti fid-dar/uffiċċju tiegħek. Biex tarma sistema WiFi trid tinstalla modem tat-tip wireless, li huwa similita’ modem normali iżda jkollu antenna inkorporata apparti l-konnessjoni standard. Jista’ jkun li l-fornitur tas-servizz tal-Internet tiegħek joffrilek wireless modem, iżda tista’ wkoll tixtri wireless modem minn kwalunkwe ħanut li jbigħ modems bħal dawn. Il-biċċa l-kbira tal-wireless modems jipprovdu kopertura (jiġifieri distanza sa fejn iwassal is-sinjal) ta’ madwar 100 pied (30.5 metru) fid-direzzjonijiet kollha. Din iż-żona ġeneralment tissejjaħ hotspot. Ostakoli li jinsabu bejn il-WiFi hotspot u l-apparat bla wajers (laptopsmartphone, eċċ), bħal pereżempju ħitan u bibien, idgħajfu jew jimblokkaw is-sinjal, u b’hekk inaqqsu d-distanza sa fejn jasal. Jekk inti tixtieq li jkollok konnessjoni WiFi f’bini kbir, jista’ jkun li jkollok bżonn aktar minn WiFi hotspot wieħed biex ikollok il-kopertura li teħtieġ.

Jekk tinstalla WiFi hotspot id-dar, huwa importanti ħafna li tistaqsi lill-fornitur tas-servizz tiegħek jew lil xi tekniku rigward miżuri ta’ sigurtà biex tiżgura li persuni oħra li joqgħodu fil-viċinanzi ma jkunux jistgħu jaċċessaw in-netwerk tad-dar tiegħek. Dan huwa importanti għaliex:

  1. kull min irid ikun jista’ jaċċessa s-servizz tal-Internet tiegħek - dan inaqqas il-kwalità tas-servizz; u
  2. min ikun irid iwettaq xi attivitajiet illegali onlajn ikun jista’ juża l-konnessjoni tiegħek, u huwa diffiċli ħafna li turi li inti ma kontx involut/a fl-attività.

Biex tikseb aċċess għall-hotspot għandek bżonn adapter bla wajers. Dan jista’ jkun jew ta’ tip integrat (bħal dawk li ġeneralment issib f’laptops u smartphones) jew f’għamla ta' tagħmir estern li tista’ tqabbad mal-kompjuter tiegħek. 

WiFi hotspots issibhom ukoll f’uffiċċji, kafetteriji, kafetteriji li joffru s-servizz tal-Internet, libreriji u f’postijiet oħra. Dawn jippermettulek tikseb aċċess għall-Internet f’dik iż-żona partikolari permezz tal-laptop jew permezz ta’ tagħmir ieħor bla wajers. L-aċċess mill-hotspots ġieli jiġi offrut kontra ħlas. L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, flimkien ma’ entitajiet oħra, toffri aċċess għal WiFi b’xejn f’diversi żoni f’Malta u Għawdex. 

 

Rate the Page

Was this page useful?