Mistoqsijiet li Jsiru ta’ Spiss

Generali
X’għajnuna tista’ toffri l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA)?
Il-punt sa fejn l-MCA tista’ tieħu azzjoni fir-rigward tal-ilment tiegħek jiddependi fuq it-tip partikolari tal-ilment tiegħek, u fuq is-setgħat li l-MCA tista’ tagħmel użu minnhom skont il-liġi. Jekk l-ilment jinvolvi kwistjonijiet li l-MCA għandha s-setgħa li tinforza, l-MCA tkun tista’ tintervjeni. F’każijiet fejn ma tkunx tista’ tintervjeni b’mod dirett, l-MCA tirrakkomanda metodi oħra biex tissolva l-kwistjoni billi tirreferik lill-forum xieraq.  
X’għandi nagħmel biex nistaqsi mistoqsija lill-MCA?
Biex tibgħat mistoqsija dwar kwalunkwe wieħed mis-setturi rregolati mill-MCA, tista’ tuża l-formola tal-mistoqsijiet tal-MCA. 
X’passi rrid nieħu biex inressaq ilment mal-fornitur tas-servizz?
  • Fejn possibbli, ippreżenta lment bil-miktub, li fih tispjega l-problema tiegħek b’mod ċar u tispeċifika l-mod li bih tistenna li l-fornitur tas-servizz isolvi l-ilment tiegħek.
  • Inkludi ismek u d-dettalji ta’ kuntatt relevanti.
  • Uża kopji ta’ kwalunkwe dokumentazzjoni relevanti biex issaħħaħ il-każ tiegħek. Ftakar li inti għandek dejjem iżżomm il-kopji oriġinali ta’ kull korrispondenza jew dokumentazzjoni uffiċjali bħal kuntratti u kontijiet.
  • Identifika r-rappreżentanti tal-fornitur tas-servizz li jkunu qed jaqduk, u ikteb id-data u l-ħin ta’ meta tkunu kkomunikajtu.
  • Dejjem żomm kopja ta’ kull komunikazzjoni bil-miktub li tkun għaddiet bejnek u bejn il-fornitur tas-servizz.
  • Agħti tul ta’ żmien speċifiku u raġonevoli lill-fornitur tas-servizz biex ikun jista’ jieħu azzjoni u jsolvi l-ilment tiegħek.
     
Meta għandi nressaq ilment mal-MCA?
Aħna nkunu nistgħu ngħinuk jekk tibqa’ mhux sodisfatt bl-azzjoni u/jew is-soluzzjoni offruta mill-fornitur tas-servizz tiegħek, wara li l-ilment tiegħek ikun ġie pproċessat skont il-proċeduri għall-immaniġġjar tal-ilmenti tal-fornitur tas-servizz tiegħek. Imbagħad inkunu nistgħu nagħtuk l-informazzjoni relevanti kollha dwar il-kwistjoni, sabiex ikollok għarfien aħjar dwar x’inhuma l-obbligi tal-fornitur tas-servizz, dwar x’inhuma d-drittijiet tiegħek u dwar l-azzjonijiet possibbli li tista’ tagħmel użu minnhom.
X’informazzjoni għandi nipprovdi lill-MCA meta nressaq ilment?
F’ħafna mill-każijiet, l-informazzjoni li ġejja tgħin lill-MCA biex tindirizza l-ilment tiegħek b’mod effiċjenti: 
  • Kopja tal-kuntratt ta’ servizz tiegħek;
  • Kopji ta’ kwalunkwe korrispondenza mal-fornitur tas-servizz tiegħek relatata mal-ilment tiegħek;
  • Kopji ta’ kontijiet, jekk u meta applikabbli;
  • Kwalunkwe dokumentazzjoni relevanti oħra, bħal: il-formola għat-terminazzjoni tas-servizz; il-formola ta’ applikazzjoni għal ħlas dirett mill-kont bankarju; il-formola ta’ portabilità tan-numri.
X’azzjoni tista’ tieħu l-MCA biex tindirizza lment?
Wara li jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa, u skont is-setgħat tal-MCA skont il-liġi, jekk l-Awtorità tqis li l-fornitur tas-servizz ma jkunx indirizza l-ilment b’mod effettiv, din tidderieġi lill-fornitur tas-servizz rigward kif għandu jindirizza l-kwistjoni b’mod effettiv.
X’inhi l-proċedura tal-MCA għall-immaniġġjar tal-ilmenti?
Jekk tħoss li l-ilment tiegħek ma ġiex indirizzat b’mod xieraq anki wara li dan ikun ġie pproċessat skont il-proċeduri dwar l-immaniġġjar tal-ilmenti tal-fornitur tas-servizz tiegħek, nistgħu nkunu f’pożizzjoni li ngħinuk.
 
L-Awtorità teħtieġ li, kull meta jkun possibbli, timtela [formola ta’ lment]. Din għandha tintbagħat lill-MCA, onlajn jew bil-posta. Wara li nirċievu l-ilment tiegħek bil-miktub, aħna:
  • Ninnotifikawk dwar il-wasla tal-ilment tiegħek fi żmien jumejn ta’ xogħol;
  • Niċċekkjaw li tkun ipprovdejt id-dettalji relevanti kollha; 
  • Nippruvaw nagħtuk risposta sħiħa fi żmien 20 jum ta’ xogħol;
  • Niżguraw li inti diġà avviċinajt lill-fornitur tas-servizz tiegħek biex issolvi l-kwistjoni;
  • Ninvestigaw l-ilment, li jista’ jinvolvi komunikazzjoni ulterjuri miegħek u/jew mal-fornitur tas-servizz;
  • Nagħmlu kwalunkwe informazzjoni relatata mal-każ tiegħek aċċessibbli għall-partijiet kollha involuti, sakemm ma ssirx talba speċifika u valida mingħandek jew mingħand il-fornitur tas-servizz.
Konsumatur aħħari jista’ jitlob kumpens?
L-Awtorità tista’ biss teħtieġ li fornitur ta’ servizz jagħti kumpens lil klijent, skont l-iskemi ta’ kumpens tal-fornitur tas-servizz, jekk ma jiġux ipprovduti l-livelli ta’ kwalità ta’ servizz miftiehma fil-kuntratt għall-forniment tas-servizz tiegħek. Dan ma japplikax f’każijiet ta’ force majeure. Naturalment, il-fornituri tas-servizzi jistgħu jaqblu li joffru kumpens b’mod volontarju, ħlief fil-każijiet imsemmija hawn fuq. Madankollu, dan jistgħu jagħmluh skont id-diskrezzjoni tagħhom. 
 
Dan ma jfissirx li inti ma tistax tippreżenta t-talba tiegħek għal kumpens quddiem entitajiet oħra. F’ħafna każijiet, jekk tkun tal-fehma li ngħatalek servizz li mhuwiex sodisfaċenti u li inti intitolat/a għal kumpens, tkun tista’ tippreżenta talba lit-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi. Dan it-Tribunal għandu s-setgħa li jiddetermina kwistjonijiet ta’ tilwim bejn il-klijenti u n-negozjanti.
 
Għal aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lis-segretarjat tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi f’dan l-indirizz: 4, Old Mint Street, Valletta CMR 02. Tista’ wkoll iċċempel fuq 21 239 892. Il-ħinijiet tagħhom tal-uffiċċju huma bejn id-09:00 ta’ filgħodu u n-12:30.
 
Jekk inti sid ta’ impriża kummerċjali, għandek id-dritt li tirrikorri għand it-Tribunal għal Talbiet Żgħar. It-Tribunal għal Talbiet Żgħar jinsab fil-Qrati tal-Ġustizzja, fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. In-numri tat-telefon tagħhom huma 2590 2601 jew 2590 2242, u l-ħinijiet tagħhom tal-uffiċċju huma bejn id-09:00 ta’ filgħodu u t-3:00 ta’ filgħaxija.
 
Roaming

X'inhu roaming?

Ir-roaming huwa servizz offrut mill-operaturi mobbli li jippermettilek li tuża t-telefon ċellulari tiegħek jew apparat mobbli ieħor, bħal pereżempju internet key/stick, meta tkun barra minn Malta. Minħabba li l-operatur tas-servizz tiegħek ma jipprovdix is-servizzi tiegħu barra minn Malta, dan għandu ftehimiet ma’ operaturi barranin. B’hekk inti tista’ tagħmel u tirċievi telefonati u messaġġi SMS, kif ukoll tuża servizzi oħra bħall-voicemail u servizzi tad-dejta. 

X’għandi nagħmel qabel nivvjaġġa?

Huwa importanti ħafna li qabel tivvjaġġa barra mill-pajjiż tikkuntattja lill-operatur tiegħek u tiċċekkja l-punti li ġejjin:

  • Jekk l-abbonament tiegħek jippermettix roaming fil-pajjiż ta’ destinazzjoni;
  • Kemm trid tħallas meta tuża l-mobile tiegħek għal telefonati, SMS, MMS, aċċess għall-internet u għall-użu tal-voicemail fil-pajjiż ta’ destinazzjoni;
  • Liema netwerk ta’ operatur barrani huwa l-aktar adattat għall-ħtiġijiet tiegħek u joffri l-irħas rati ta’ roaming, jekk applikabbli;
  • Kif tagħżel in-netwerk tal-operatur barrani li tippreferi b’mod manwali meta tkun barra, jekk possibbli; u
  • Kif tattiva u tagħmel użu minn servizzi importanti oħra (voicemail, call diverts, selezzjoni tan-netwerk) waqt li tkun qed tuża r-roaming, u l-ispejjeż involuti.

Barra minn hekk, nissuġġerulek tieħu nota:

  • Tan-numru tas-serje tal-mobile tiegħek (numru IMEI), li s-soltu jkun imniżżel taħt il-batterija tal-mobile, u li tista’ tarah billi tagħfas *#06#; u
  • Tan-numru tal-customer care tal-operatur tas-servizz tiegħek.

Dawn ikollok bżonnhom, f’każ li l-mobile tiegħek jintilef jew jinsteraq meta tkun qed tivvjaġġa.

 

X’rati jew tariffi għandi nistenna li nħallas meta nuża l-mobile jew tagħmir mobbli ieħor barra minn Malta?

It-tariffi li japplikaw għal telefonati roaming huma differenti minn dawk li japplikaw meta tagħmel telefonati waqt li tinsab Malta. Dan minħabba li l-operatur tiegħek irid iħallas lill-operatur barrani għall-użu li jsir tan-netwerk tiegħu meta inti tkun f’pajjiż ieħor. Bħala riżultat, l-operatur tiegħek iżidlek dawn l-ispejjeż addizzjonali fil-kont.

 

Trid tħallas għal dawn li ġejjin:

  • Biex tagħmel u tirċievi telefonati lejn u minn Malta, u biex tagħmel u tirċievi telefonati lejn u minn persuni li jinsabu fil-pajjiż ta’ destinazzjoni jew fi kwalunkwe pajjiż ieħor;
  • Biex tibgħat SMS lil min jinstab Malta u li għandu n-numru rreġistrat taħt operatur Malti jew lil persuni li jinsabu fil-pajjiż ta’ destinazzjoni jew fi kwalunkwe pajjiż ieħor;
  • Biex tuża s-servizzi tad-Dejta, pereżempju biex tniżżel emails, ritratti, mużika jew films, u biex tibbrawżja l-internet u tibgħat u tirċievi messaġġi MMS;
  • Biex tisma’ l-messaġġi voicemail tiegħek: f’dan il-każ tħallas ir-rata li tapplika għal telefonati li jsiru minn barra lejn Malta. Sabiex tevita dawn l-ispejjeż, tista’ tagħżel li tisma’ l-messaġġi meta terġa’ lura Malta; u
  • Biex tirridirezzjona/tgħaddi t-telefonati u l-messaġġi voicemail tiegħek lil mobile jew lil voicemail inbox ieħor li mhuwiex inkluż f’pakkett tar-roaming.

 

Dawn li ġejjin ma jinvolvux spejjeż, u huma bla ħlas:

  • Li tirċievi SMS, u
  • Li tirċievi messaġġi voicemail: inti ma tħallasx meta xi ħadd iħallilek messaġġ voicemail fl-inbox tiegħek waqt li tkun qed tuża r-roaming f’wieħed mis-28 Stat Membru tal-UE.

Nota: Din ir-regola ma tapplikax meta tkun qed tivvjaġġa f’pajjiżi barra mill-UE. Għalhekk, nissuġġerulek li tiċċekkja mal-operatur tiegħek dwar kwalunkwe spejjeż li japplikaw meta xi ħadd iħallilek messaġġ voicemail fl-inbox tiegħek meta tkun f’pajjiż li mhuwiex parti mill-UE, u li ssaqsi kif tista’ tevita dawn l-ispejjeż (pereżempju billi tiddiżattiva l-funzjoni tal-voicemail qabel tivvjaġġa).

 

Kun af ukoll li t-tariffi li tħallas għall-użu tal-mobile tiegħek barra minn Malta jistgħu jvarjaw skont il-fatturi li ġejjin:

  • Jekk għandekx abbonament pre-paid jew post-paid;
  • L-iskema ta’ tariffi li tkun għażilt;
  • Il-ħin tal-ġurnata meta tagħmel it-telefonati, u
  • In-netwerk tal-operatur barrani li tkun fuqu meta tuża r-roaming.

Għalhekk, nissuġġerixxu li tiċċekkja sew l-ispejjeż involuti qabel issiefer (ara l-Mistoqsija 2 għal aktar tagħrif) billi ċċempel lill-operatur tas-servizz tiegħek jew billi żżur il-paġna tal-websajt tiegħu dwar ir-roaming (ara wkoll il-links fil-Mistoqsija 9).

 

X’inhu r-Regolament dwar ir-Roaming?

F’Ġunju 2007, l-Unjoni Ewropea (UE) adottat Regolament li jillimita l-ammont tal-ispejjeż involuti meta wieħed jagħmel u jirċievi telefonati fuq mobiles waqt li jivvjaġġa fis-28 Stat Membru tal-UE. B’hekk daħlet fis-seħħ l-‘Ewrotariffa’ (ara l-mistoqsija 5), sabiex jiġi żgurat li inti ma tħallasx prezzijiet eċċessivi għas-servizzi tar-roaming meta tagħmel u tirċievi telefonati meta tkun barra mill-pajjiż tiegħek. Fir-Regolament emendat tal-2009 ġew introdotti regoli addizzjonali favur il-klijenti, bħal pereżempju tnaqqis ulterjuri fil-prezzijiet tat-telefonati li jsiru jew li jiġu riċevuti, u ġiet introdotta wkoll l-‘Ewrotariffa għall-SMS’ (ara wkoll il-mistoqsija 6) li timponi limiti fuq il-prezzijiet fil-każ ta’ messaġġi SMS li jintbagħtu meta tkun qed tuża r-roaming. Ġiet introdotta wkoll sistema ta’ ‘cut off’ għal sistemi tad-dejta (ara wkoll il-mistoqsija 10). Ġew introdotti wkoll diversi miżuri ta’ trasparenza sabiex jiġi żgurat li inti tkun infurmat/a b’mod xieraq rigward it-tariffi tar-roaming li japplikaw għal telefonati, għal messaġġi SMSs u għall-użu ta’ servizzi tad-dejta. Dawn jiġu aġġornati b’mod regolari f’każ li jkun hemm bidliet fit-tariffi.

Ir-Regolament dwar ir-Roaming ta’ Lulju 2012 jiżviluppa regoli li ġew introdotti fiż-żewġ regolamenti ta’ qabel fuq bażi kontinwa, u għandu l-għan li jipproteġi lill-klijenti tar-roaming:

  • Billi jkompli jbaxxi l-prezzijiet ta’ telefonati li jsiru u li jiġu riċevuti;
  • Billi jkompli jbaxxi l-prezzijiet biex tibgħat SMS waqt li tkun qed tuża r-roaming;
  • Billi jintroduċi limitu fuq is-servizzi tad-data roaming, imsejjaħ ‘Ewrotariffa għad-Dejta’ (ara wkoll il-mistoqsijiet 7 u 8); u
  • Permezz tal-miżuri ta’ trasparenza li ġew introdotti fl-2009, sabiex jiġi żgurat li tingħatalek informazzjoni suffiċjenti u adegwata dwar it-tariffi tar-roaming li japplikaw għal telefonati, messaġġi SMS u għall-użu tas-servizzi tad-dejta li ġew estiżi għalik meta tkun qed tuża r-roaming barra l-UE. (ara wkoll il-mistoqsija 10).
X’inhi l-‘Ewrotariffa’?

Ir-Regolament dwar ir-Roaming jeħtieġ li l-operaturi kollha tat-telefonija mobbli joffru tariffa għat-telefonati msejħa ‘Ewrotariffa’ (ara t-Tabella 1) lill-klijenti bi skemi ta’ ħlas post-paid u pre-paid:

  • Inti tibbenefika minn din it-tariffa b’mod awtomatiku, sakemm ma tagħżilx pakkett tar-roaming differenti b’tariffi differenti għal telefonati li jsiru minn barra;
  • L-operatur tas-servizz tiegħek jista’ joffri pakketti tar-roaming oħra, apparti l-‘Ewrotariffa’. It-tariffi li japplikaw għal dawn il-pakketti jistgħu jkunu ogħla minn dawk tal-‘Ewrotariffa’, iżda min-naħa l-oħra, il-pakkett jista’ jkun aktar adattat u konvenjenti għalik;
  • Tista’ taqleb għall-Ewrotariffa jew mill-Ewrotariffa għal pakkett ieħor fi kwalunkwe ħin mingħajr ħlas;
  • L-operatur tiegħek iżommlok għat-‘telefonati Ewrotariffa’ li tagħmel jew tirċievi fuq bażi ta’ rata fis-sekonda, jiġifieri, fuq il-bażi tal-ammont ta’ sekondi li tkun użajt fuq il-linja.

Minkejja dan, jista’ jkun li jkollok tħallas rata fissa għal perjodu li ma jaqbiżx l-ewwel 30 sekonda ta’ kull telefonata li tagħmel, jiġifieri jkollok tħallas sa nofs ir-rata għal kull minuta (madwar €0.11,55ċ, jiġifieri, nofs €0.23,09ċ, fil-każ tal-Ewrotariffa). Wara l-ewwel 30 seconda tapplika rata fis-sekonda.

Nota: Din ir-rata fissa ma tapplikax għal telefonati li jiġi riċevuti. Għandek tkun taf li qabel daħal fis-seħħ dan ir-Regolament, ħafna operaturi kienu japplikaw rati fil-minuta.

It-tabella li ġejja turi it-tariffa massima għal kull minuta li l-operatur tas-servizz mobbli tiegħek jista’ jżommlok għal telefonati li tagħmel u tirċievi waqt li tkun qed tuża r-roaming f'wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE.

 

Tabella 1

 

 

Għal aktar informazzjoni dwar it-tariffi Ewropej tar-roaming, ara  l-websajt tal-UE
Numri b’rati premium
X’inhuma numri b’rati premium (premium rate numbers)?
Numri b’rati premium huma numri tat-telefon li jintużaw sabiex jiġu offruti servizzi b’valur miżjud lill-abbonati kontra ħlas.
Telefonata lejn numru b’rata premium tiswa aktar minn telefonata lejn linja fissa jew mobbli standard?
It-tariffa applikabbli għal telefonata lejn numru b’rata premium normalment hija ogħla mill-prezz ta’ telefonata standard lejn linja fissa jew mobbli. B’differenza minn telefonata standard lejn linja fissa jew mobbli, it-tariffa għal telefonata lejn numru b’rata premium tikkonsisti mit-tariffa standard għal telefonati lejn linja fissa bl-inklużjoni ta’ tariffa ta’ servizz addizzjonali.
Liema huma n-numri b’rata premium f’Malta?
In-numri b’rata premium li qed jintużaw mill-fornituri tas-servizzi lokali bħalissa huma dawk li jibdew b’50, 51 u 52. (Kun af li n-numri b’rata premium f’pajjiżi oħra jista’ jkollhom numri bi strutturi differenti minn dawk li jintużaw Malta).
Kif nista’ nsir naf jekk numru huwiex numru b’rata premium jew le?
Il-punti li ġejjin jistgħu jgħinuk tidentifika numru b’rata premium:
  • L-ewwel numri tan-numru sħiħ jgħinuk tidentifika numru b’rata premium. Għal tagħrif dwar il-firxa tan-numri b’rata premium f’Malta, jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija ta’ qabel;
  • Oqgħod attent/a għat-tariffa applikabbli – din l-informazzjoni tinħareġ b’mod pubbliku meta s-servizz partikolari jiġi reklamat jew imsemmi; u
  • Ikkuntattja lill-fornitur tas-servizz tiegħek għal tagħrif dwar numri speċifiċi b’rati premium.
Portabilità tan-Numru
X’inhi portabilità tan-numru (number portability)?
Il-portabilità tan-numru tippermettilek iżżomm in-numru tal-linja fissa/mobbli tiegħek meta taqleb għal servizz ta’ fornitur ieħor.
X’inhuma l-fatturi li għandek tikkunsidra qabel tagħmel porting?
  • Jekk inti marbut/a għal perjodu kuntrattwali minimu, jistgħu japplikaw ħlasjijiet għal terminazzjoni qabel il-waqt jekk taqleb għas-servizz ta’ fornitur ieħor;
  • Jekk inti abbonat/a għal skema pre-paid, iċċekkja jekk titlifx il-bilanċ ta’ kreditu tiegħek meta tagħmel il-porting;
  • Iċċekkja jekk japplikax xi limitu ta’ livell minimu (minimum threshold) għas-servizz tiegħek. Jekk dan il-limitu ta’ livell ikun japplika, tista’ tagħżel li tiċċekkja mal-fornitur tas-servizz tiegħek jekk tkunx ilħaqt dan il-limitu minimu jew le;
  • Jekk is-servizz tiegħek tal-Carelink ikun ikkollegat man-numru tat-telefon tiegħek, ikollok twaqqaf is-servizz tal-Carelink qabel tagħmel il-porting; u
  • M’għandekx twaqqaf is-servizz ta’ telefonija fissa/mobbli qabel tagħmel porting. Dan għandu jsir mill-fornitur tas-servizz il-ġdid tiegħek bħala parti mill-proċess tal-porting.
X’passi għandi nieħu biex napplika għall-porting?
  • Żur ħanut tal-fornitur tas-servizz tat-telefonija fissa/mobbli li tixtieq tabbona miegħu, u ħu miegħek:
    • il-karta tal-identità jew il-passaport tiegħek;
    • is-SIM card (jekk tkun se tagħmel porting tan-numru tiegħek tal-mobile); u
    • kopja ta’ kont jew statement reċenti (fil-każ ta’ skemi post-paid ).
  • Meta tkun fil-ħanut tal-fornitur tas-servizz, imla formola tal-portabilità (porting form). Il-fornitur tas-servizz imbagħad jipproċessa t-trasferiment tan-numru eżistenti tiegħek f’ismek. Huwa importanti li l-persuna li tiffirma l-formola tal-portabilità tkun l-abbonat/a stess, jew ir-rappreżentant awtorizzat/rappreżentanta awtorizzata legali tiegħu/tagħha.
  • Aċċerta ruħek li tkun ħallast kwalunkwe kontijiet pendenti mal-fornitur tas-servizz tiegħek f’każ li tkun abbonat/a għal servizz post-paid.
X’għandi nagħmel jekk niltaqa’ ma’ xi diffikultajiet waqt li jkun qed isir il-porting tan-numru tiegħi?
Huwa importanti li tikkuntattja lill-fornitur tas-servizz il-ġdid tiegħek, u li tinformah rigward kwalunkwe problemi li tiltaqa’ magħhom waqt il-proċess tal-porting. Il-fornitur tas-servizz il-ġdid tiegħek għandu r-responsabbiltà li jiżgura li l-proċess tal-portabilità jitlesta, u li jsolvi kwalunkwe kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu matul dan il-proċess.
X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi wara li jsir il-porting tan-numru tiegħi?
  • Normalment, il-porting m’għandux idum aktar minn tlett(3) ijiem ta’ xogħol biex isir fil-każ tat-telefonija fissa, u mhux aktar minn jum wieħed (1) ta’ xogħol fil-każ tat-telefonija mobbli. Madankollu, f’ċerti każijiet jistgħu japplikaw xi eċċezzjonijiet; u
  • Meta tagħmel porting tan-numru tiegħek, tintrabat mal-fornitur tas-servizz il-ġdid għal perjodu minimu ta’ xahrejn mid-data li fiha jkun sar il-porting tan-numru tiegħek.
Email forwarding
X’inhu email forwarding?
Is-servizz tal-email forwarding jiżgura li jekk inti tuża servizz tal-email ipprovdut mill-fornitur tas-servizz tal-Internet tiegħek, tista’ twaqqaf is-servizz tiegħek tal-Internet mingħajr ma titlef l-emails li jintbagħtu fl-indirizz tal-email tiegħek. Tista’ wkoll titlob lill-fornitur tas-servizz tal-Internet (Internet Service Provider – ISP) tiegħek biex jgħaddi l-emails kollha indirizzati lill-indirizz tal-email oriġinali tiegħek lil indirizz tal-email il-ġdid. Meta jagħmel hekk, il-fornitur tas-servizz tal-Internet tiegħek jibgħat ukoll tweġiba awtomatizzata għal kull email li tasal fl-indirizz tal-email oriġinali, b’messaġġ li jinforma lil min ikun bagħat l-email rigward is-servizz tal-forwarding u rigward l-indirizz tal-email il-ġdid.
Nista’ nżomm l-istess indirizz tal-email meta nbiddel l-ISP?
Dan jiddependi fuq il-fornitur tas-servizz tal-Internet tiegħek. Uħud mill-fornituri tas-servizz tal-Internet jipprovdu servizz tal-email waħdu (stand-alone), filwaqt li oħrajn jipprovdu dan is-servizz tal-email biss jekk ikun se jingħata flimkien ma’ servizz tal-Internet .
Meta nista’ nitlob li jingħatali servizz tal-email forwarding?
Dan is-servizz jista’ jintalab biss meta jiġi tterminat abbonament tas-servizz tal-Internet . Meta titlob servizz ta’ email forwarding, ikollok tipprovdi indirizz tal-email ġdid, sabiex l-emails li jintbagħtu fl-indirizz tal-email oriġinali jiġu mgħoddija lill-indirizz tal-email il-ġdid tiegħek.
Minn fejn nista’ nikseb indirizz tal-email ġdid?
Tista’ tagħżel servizz tal-email web-based bla ħlas, bħal pereżemju Gmail, Hotmail jew Yahoo. Kun af li m’għandekx tuża servizzi tal-email bla ħlas biex tibgħat informazzjoni sensittiva, minħabba li dawn is-servizzi m’għandhomx livell għoli ta’ sigurtà. Għalhekk, jekk teħtieġ livell ta’ servizz u ta’ sigurtà ogħla, tista’ tagħżel servizz tal-email bi ħlas. Dawn is-servizzi huma pprovduti minn numru ta’ kumpaniji, kemm lokali kif ukoll internazzjonali.

 

Jekk għandek negozju, tista’ tirreġistra d-domain tiegħek stess, pereżempju, mydomain.com. Dan jippermettilek toħloq u żżomm il-kontijiet tal-email tiegħek ma’ kwalunkwe fornitur tas-servizz tal-internet, filwaqt li tkun tista’ żżomm il-kont tal-email tiegħek anki jekk tibdel il-fornitur tas-servizz tal-Internet.
Għal kemm żmien inkun nista’ nibbenefika mis-servizz tal-email forwarding?
Tista' tibbenifika min dan is-servizz għal perjodu ta' sena mingħajr ma tħallas spejjeż addizzjonali. Wara li tgħaddi l-ewwel sena, il-fornitur tas-servizz jista' joffri dan is-servizz kontra ħlas.
Modifiki fit-Termini u Kundizzjonijiet
Jista’ fornitur ta’ servizzi jibdel xi termini u kundizzjonijiet tal-kuntratt tiegħi?
Iva, fornituri ta’ servizzi jistgħu jibdlu t-Termini u Kundizzjonijiet tal-kuntratt tiegħek. Meta jagħmlu hekk, il-fornituri ta’ servizzi jridu jinfurmak bil-miktub xahar qabel jiġu implimentati l-bidliet. Notifiki lil abbonati ta’ servizzi pre-paid jistgħu jintbagħtu permezz ta’ SMS.
Jekk il-fornitur tas-servizz tiegħi jipproponi li jsiru xi modifiki fil-kuntratt tiegħi, ikolli d-dritt li nwaqqaf is-servizz?
Iva, jekk inti ma taqbilx ma’ dawn il-bidliet, ikollok id-dritt li tirtira mill-kuntratt fil-perjodu ta’ notifika, li ma jistax ikun ta’ inqas minn tletin (30) jum, mingħajr ma teħel penali.
Jekk ma naqbilx mal-bidliet proposti mill-fornitur tas-servizz fil-kuntratt tiegħi, kif nista’ nittermina l-kuntratt?
L-ittra ta’ notifika li jibgħatlek il-fornitur tas-servizz tiegħek ikun fiha informazzjoni dwar kif għandek tgħarrfu dwar l-intenzjoni tiegħek li tittermina l-kuntratt. Pereżempju, jista’ jkun li jkollok tibgħatlu ittra bil-miktub, jew talba onlajn, eċċ. Jekk l-ittra ta’ notifika li jibgħatlek il-fornitur tas-servizz tiegħek ma jkun fiha ebda informazzjoni, għandek issegwi l-proċedura ta’ terminazzjoni skont kif speċifikat fil-kuntratt tiegħek.
Jekk inkun ħallast għas-servizz minn qabel, il-ħlasijiet bil-quddiem li jkun fadal jingħatawli lura?
Iva, inti intitolat/a għal rimbors ta’ kwalunkwe ħlasijiet bil-quddiem li tkun għamilt għall-abbonament tal-ħlasijiet tas-servizz tiegħek. In-notifika li tasallek mingħand il-fornitur tas-servizz tiegħek tispeċifika l-metodu ta’ rimbors li għandu jintuża għar-radd lura ta' kwalunkwe ħlasijiet bil-quddiem li jkunu saru f’każ li tiddeċiedi li tittermina s-servizz.

 

Dan bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe ħlasijiet u/jew sussidji għal benefiċċji li l-fornitur tas-servizz seta’ kien ta lill-abbonat. Bħala eżempju, fis-settur tat-telefonija mobbli l-fornituri tas-servizz jistgħu joffru mobiles b’xejn jew bi prezz sussidjat lil abbonati li jidħlu f’kuntratt għal żmien definit.
Terminazzjoni tas-servizz
Kif nista’ nwaqqaf il-kuntratt li jkolli mal-fornitur tas-servizz tiegħi?
  • Segwi l-proċedura ta’ skonnessjoni skont kif speċifikat fil-kuntratt tiegħek għas-servizz. Jekk il-kuntratt tiegħek ma jkunx għandek, tista’ tikkuntattja lill-fornitur tas-servizz tiegħek biex issaqsi dwar il-proċedura ta’ skonnessjoni. Uħud mill-fornituri tas-servizzi jistgħu jitolbuk notifika bil-miktub, kif ukoll kopja tal-karta tal-identità tiegħek;
  • Aċċerta ruħek li tħallas kwalunkwe kontijiet pendenti;
  • Aċċerta ruħek li tirritorna kwalunkwe tagħmir li jkun ġie installat għandek (CPE, jew Customer Premises Equipment) meta ssir it-terminazzjoni; u
  • Kun af li jekk tkun abbonat/a għal kont pre-paid mal-fornitur tas-servizz eżistenti tiegħek, jista’ jkun li titlef il-kreditu li ma tkunx użajt.
Jekk niddeċiedi li nittermina l-kuntratt tiegħi qabel ma jkun skada t-terminu ta’ żmien inizjali, neħel ħlas għal terminazzjoni qabel il-waqt?
Kuntratti li jistabbilixxu perjodu kuntrattwali minimu normalment ikunu soġġetti għal ħlas għal terminazzjoni qabel il-waqt. Tista’ tara l-kuntratt tiegħek jew issaqsi lill-fornitur tas-servizz tiegħek biex tivverifika jekk dan huwiex applikabbli fil-każ tiegħek.
Jekk il-kuntratt tiegħi jkun skada (jiġifieri jkun skada t-terminu inizjali tiegħi), il-fornitur tas-servizz għandu jittermina l-kuntratt tiegħi?
Dan jiddependi mill-kontenut tal-kuntratt tiegħek. Ġeneralment, il-fornituri ta’ servizzi jġeddu l-kuntratti tal-abbonati tagħhom għal perjodu mhux definit. Jekk il-kuntratt tiegħek ikun ġie mġedded wara li jkun skada l-perjodu kuntrattwali inizjali, ma teħilx ħlas għal terminazzjoni qabel il-waqt jekk tagħżel li twaqqaf il-kuntratt. Jista’ jkun li jkollok tħallas ħlas għal terminazzjoni qabel il-waqt jekk tidħol f’kuntratt ġdid għal perjodu kuntrattwali minimu ġdid. F’każijiet bħal dan ikollok tiffirma kuntratt ġdid.
Is-servizz tiegħi, jieqaf hekk kif ngħarraf lill-fornitur tas-servizz tiegħi dwar l-intenzjoni tiegħi li nittermina l-kuntratt ?
Il-fornituri ta’ servizzi jistgħu jeħtieġu li l-abbonati jinnotifikawhom minn qabel bl-intenzjoni tagħhom li jitterminaw is-servizz. Dan il-perjodu ta’ notifika bil-quddiem ma jistax ikun itwal minn xahar. F’każijiet bħal dawn, xorta jkollok tħallas għas-servizz matul dan il-perjodu ta’ notifika.
Televiżjoni free-to-air
Kif nista’ nara l-istazzjonijiet free-to-air?
Għandek bżonn aerial UHF u decoder diġitali jew TV diġitali. Jekk għandek televixin mill-moderni, bħal LCD, LED jew plasma TV, probabbilment diġà għandek it-tagħmir diġitali meħtieġ inkorporat fih, u x’aktarx li m’għandekx bżonn affarijiet oħra. Min-naħa l-oħra, jekk għandek televixin ftit eqdem, bħal pereżempju televixin ‘tat-tubu’, ikollok bżonn tixtri decoder diġitali.
Kemm-il stazzjon jiġi trażmess fuq il-free-to-air?

Bħalissa fuq il-free-to-air hemm seba’ (7) stazzjonijiet Maltin: Xejk, F Living, Net TV, One TV, Smash TV, TVM u TVM 2.

Lejn liema direzzjoni għandi nippożizzjona l-aerial tiegħi?
L-aerial tiegħek għandu jħares lejn id-direzzjoni ta’ wieħed mill-postijiet li ġejjin: Delimara, in-Nadur, il-Mellieħa, l-Imtarfa, in-Naxxar jew Portomaso, minħabba li hemm trażmettituri installati f’dawn iż-żoni.
Minn fejn nista’ nixtri decoder diġitali jew TV diġitali?
Tista’ tixtri decoder diġitali jew TV diġitali minn kwalunkwe ħanut tal-għażla tiegħek. Madankollu, għandek tistaqsi lir-rappreżentant jew lis-salesperson tal-ħanut biex tikkonferma jekk it-tagħmir li tkun beħsiebek tixtri huwiex adattat biex tara l-istazzjonijiet free-to-air. Qabel tixtri decoder, ħu nota tad-ditta u tal-mudell tat-televixin tiegħek, sabiex ir-rappreżentant jew is-salesperson ikun jista’ jurik decoders diġitali kompatibbli miegħu u jurik liema tip ta’ video cable għandek tixtri.
Kif nagħmel biex ninstalla decoder diġitali?
Qabel tinstalla d-decoder diġitali tiegħek, għandek dejjem taqra bir-reqqa l-istruzzjonijiet ipprovduti. L-informazzjoni hawn taħt tiddeskrivi l-installazzjoni ta’ decoder diġitali u m’għandhiex tissostitwixxi l-istruzzjonijiet li jkunu ġew ipprovduti mad-decoder diġitali.
  1. Aqla’ t-televixin minn mal-plakka tad-dawl.
  2. Aqla’ l-wajer tal-aerial minn mal-parti ta’ wara tat-televixin, u qabbdu mas-socket immarkat ‘ANT IN’ tad-decoder diġitali.
  3. Qabbad tarf tal-video lead mas-socket tad-decoder immarkat ‘TV’, u qabbad it-tarf l-ieħor mat-televixin.
  4. Qabbad il-wajers tal-elettriku tad-decoder u tat-televixin ma’ plakka tad-dawl.
  5. Ixgħel id-decoder u t-televixin. It-televixin tiegħek normalment għandu jkun kapaċi jfittex u jidentifika d-decoder diġitali b’mod awtomatiku, iżda jekk dan ma jseħħx, kemm tagħżel l-istazzjon ‘AV1’ fuq ir-remote control tat-televixin tiegħek.

 

 

Rate the Page

Was this page useful?